Linji Gwida dwar l-Imġiba
L-Ewwel Verżjoni
Data: April 2026
Werrej
- 1. Daħla: Manswetudni u Umiltà
- 2. Għanijiet
- 3. X’inhu mistenni mill-imġiba
- 3.1 Puntwalità u Attendenza
- 3.2 Dehra u Uniformi
- 3.3 Imġiba u Rispett
- 3.4 Xogħol Akkademiku u Xogħol għad-Dar
- 3.5 Użu ta’ Apparat Teknoloġiku
- 3.6 Ħarsien tal-Proprjetà u tal-Ambjent
- 4. Sistema ta’ Immaniġġjar u Rappurtaġġ tal-Imġiba
- 4.1 Kif tiġi indirizzata l-imġiba negattiva
- 4.2 Premju għall-Imġiba Pożittiva
- 5. Komunikazzjoni mal-Ġenituri
- 6. Reviżjoni u Monitoraġġ
1. Daħla: Manswetudni u Umiltà
Fl-Iskola Saint Michael, id-dixxiplina hija frott l-imħabba, il-manswetudni u l-umiltà.
L-istrateġija tagħna dwar l-imġiba għandha l-għeruq tagħha fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u huwa ispirat mill-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca u tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.).
Aħna nemmnu li kull student huwa bin Alla, denju ta’ rispett u dinjità.
Id-dixxiplina mhijiex kastig; hija formazzjoni. Tgħin lill-istudenti tagħna jikbru fl-għerf, fir-responsabbiltà u fl-awtokontroll, u tħejjihom biex ikunu membri attivi u ħanina tas-soċjetà.
2. Għanijiet
Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li:
- irawmu ambjent san, sigur, ordinat għat-tagħlim.
- isaħħu r-responsabbiltà, ir-rispett u d-dixxiplina ta’ kull individwu.
- jippromwovu l-valuri tal-Evanġelju bħalma huma l-maħfra, it-tjieba u r-rikonċiljazzjoni.
- jappoġġjaw lill-istudenti fl-iżvilupp tal-empatija u l-ġudizzju morali biex kull individwu jagħraf bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.
- jiżguraw ġustizzja u konsistenza permezz ta’ sistema trasparenti ta’ rappurtar, premjijiet u konsegwenzi.
Dawn il-linji gwida japplikaw għall-membri kollha tal-komunità tal-iskola u tkopri l-imġiba kemm ġewwa kif ukoll barra l-bini tal-iskola, kull meta student ikun qed jirrappreżenta lill-Iskola Saint Michael.
3. X’inhu mistenni mill-imġiba
L-aspettattivi dwar l-imġiba jirriflettu kemm l-ethos tagħna kif ukoll l-impenn tagħna lejn l-eċċellenza f’dak li hu akkademiku u l-ġid tal-komunità. Il-linji gwida li ġejjin għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi żgurat ambjent sigur biex fih isir it-tagħlim.
3.1 Puntwalità u Attendenza
- L-attendenza fl-iskola hija obbligatorja kuljum, skont il-kalendarju skolastiku, inkluż dawk il-ġranet fejn ma jsirx tagħlim formali fil-klassi. Dawn l-attivitajiet huma obbligatorji.
- Malli l-istudent jasal l-iskola, għandu jidħol minnufih fl-iskola u jirreġistra l-attendenza tiegħu permezz tal-karta SMID fil-magni elettroniċi apposta li jinsabu fid-daħla tal-iskola.
- L-istudenti kollha huma mistennija jkunu preżenti għall-assembly tal-iskola, li tibda fit-7.50 a.m. Il-lezzjonijiet jibdew fit-8.00 a.m.
- L-istudenti huma mistennija jkunu fil-klassi fil-bidu ta’ kull lezzjoni u mhux aktar tard minn tliet minuti wara li ddoqq il-qanpiena, skont l-orarju. L-attendenza tittieħed fil-bidu ta’ kull lezzjoni. Studenti li jidħlu fil-klassi wara ħames minuti jiġu mmarkati bħala tard u jingħataw rapport ta’ mġiba negattiva, sakemm ma tiġix ippreżentata lill-għalliem, raġuni bil-miktub għala waslu tard.
- L-istudenti li jaslu kmieni ħafna, għandhom jibqgħu dejjem fiż-żoni magħżula apposta fejn ikunu ssorveljati mill-edukaturi. Żoni oħra tal-iskola m’għandhomx jintużaw sakemm ma jingħatawx struzzjonijiet mod ieħor.
3.2 Dehra u Uniformi
L-istudenti għandhom jilbsu l-uniformi tal-iskola fil-jiem kollha tal-iskola. L-uniformi tal-iskola tikkonsisti f’dan li ġej:
- Flokk (polo shirt) abjad bil-kmiem twal jew qosra bil-logo tal-iskola.
- Qalziet twil jew qasir kannella ċar.
- Ġakketta blu skur biż-żipp bil-logo tal-iskola.
- Ġakketta tax-xita blu skur bil-logo tal-iskola.
- Kalzetti kannella ċar/bojod.
- Żraben sportivi bojod.
Fil-jiem meta l-istudenti jkollhom lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika, huma mistennija jilbsu t-tracksuit tal-iskola, li tikkonsisti f’dan li ġej:
- Qalziet tat-tracksuit blu skur bi strixxa safra.
- T-shirt ikkulurit bil-logos tal-iskola u tad-dar (il-kulur jirreferi għall-House li l-istudent jagħmel parti minnha: tal-Feniċi: blu; tan-Normanni: aħdar; tal-Kavallieri: iswed; tar-Rumani: aħmar).
- Ġakketta tat-tracksuit blu ċar biż-żipp bil-logo tal-iskola.
- Żraben sportivi u kalzetti b’kuluri newtrali (iswed, blu jew abjad).
Waqt ħarġiet tal-iskola, l-istudenti għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-għalliema dwar l-ilbies. Meta l-istudenti jkunu meħtieġa jilbsu l-kit tal-Edukazzjoni Fiżika, għandhom jilbsu t-T-shirt griż tal-Edukazzjoni Fiżika u mhux it-T-shirt ikkulurit (tal-House).
Ix-xagħar u l-leħja għandhom jinżammu nodfa u puliti. Żebgħa tax-xagħar, disinji fix-xagħar jew marki (daqqiet bil-magna) fil-ħuġbejn huma strettament ipprojbiti.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, dehbijiet ta’ kull tip, inklużi ġiżirajjen, imsielet, brazzuletti u ċrieket, mhumiex permessi, ħlief ġiżirajjen jew brazzuletti mediċi. Arloġġi, inklużi smartwatches, ma jistgħux jintlibsu waqt testijiet u/jew eżamijiet.
Kull student li ma jimxix ma’ dawn ir-regolamenti jiġi rrappurtat, jista’ jiġi ristrett milli jattendi lezzjonijiet jew attivitajiet u jista’ jintbagħat id-dar u jibqa’ hemm għal perjodu ta’ żmien determinat.
3.3 Imġiba u Rispett
L-iskola tagħna tippromwovi u trawwem imġiba pożittiva u rispett fost il-membri kollha tal-komunità u lejn il-proprjetà tal-iskola. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-valuri jinżammu, l-istudenti huma mistennija li:
- Jittrattaw lill-membri kollha tal-istaff (SLT, għalliema, LSEs, segretarji tal-iskola, cleaners) bir-rispett dovut billi jindirizzawhom b’mod xieraq, jużaw “Sir” jew “Ms”, segwit mill-isem jew il-kunjom skont kif jippreferi l-persuna indirizzata.
- Jikkomunikaw mal-istaff permezz tal-mezzi xierqa. L-istudenti għandhom jużaw Teams u/jew MySchool, filwaqt li l-ġenituri/kustodji għandhom jużaw l-email jew jikkomunikaw bit-telefon.
- Jżommu limiti xierqa fir-rigward tar-relazzjoni tagħhom mal-membri tal-istaff u ma’ sħabhom, kemm fl-iskola u kif ukoll fil-komunikazzjoni online.
- Jittrattaw lill-istudenti kollha b’mod ugwali, inklużi studenti b’diżabiltajiet jew bżonnijiet speċjali. L-iskola għandha regola ta’ tolleranza żero lejn bullying ta’ kull tip. Għal aktar informazzjoni għandha ssir referenza għal-Linji Gwida Kontra l-Bullying.
- Iżommu ambjent ta’ ħbiberija u pożittività. Laqmijiet dispreġġjattivi u ġlied mhumiex permessi. Il-kunflitti għandhom jiġu solvuti b’mod paċifiku bl-appoġġ tal-membri tal-istaff.
- Jastjenu milli jidgħu jew jużaw kliem oxxen.
- Jużaw it-taraġ u l-passaġġi xierqa meta jiċċaqalqu madwar l-iskola. Ir-rampa prinċipali tal-iskola għandha tintuża biss biex wieħed jaċċessa s-sulari t’isfel, filwaqt li t-taraġ fiż-żewġt itruf tal-kurituri għandhom jintużaw biex wieħed jaċċessa s-sulari ta’ fuq. Ir-rampa prinċipali tal-iskola tista’ tintuża biex wieħed jaċċessa s-sulari ta’ fuq biss immedjatament wara l-assembly u l-ħinijiet tal-brejk. Ġiri u għajjat fil-kurituri u fil-passaġġi mhumiex permessi.
L-oġġetti li ġejjin huma strettament ipprojbiti fl-iskola:
- Alkoħol, xorb enerġetiku jew soft drinks. Il-ġenituri huma mfakkra li l-ikel tal-iskola għandu jkun skont il-Politika Nazzjonali dwar l-Ikel u n-Nutrizzjoni.
- Prodotti tat-tabakk u/jew sigaretti elettroniċi/vapes.
- Lighters tas-sigaretti.
- Drogi ta’ kull tip (ħlief mediċini).
- Skieken jew oġġetti li jaqtgħu, jew oġġetti li jistgħu jikkawżaw ħsara fiżika .
- Armi tan-nar ta’ kull tip (inklużi imitazzjonijiet).
Il-membri tal-SLT jirriżervaw id-dritt li jwettqu tfittxijiet fil-basktijiet skont id-diskrezzjoni tagħhom.
3.4 Xogħol Akkademiku u Xogħol għad-Dar
L-aspett akkademiku tal-ħajja tal-iskola huwa wieħed mill-pilastri essenzjali tal-komunità tal-iskola. Għalhekk, hija r-responsabbiltà ta’ kull student li jwettaq ix-xogħol akkademiku mogħti lilu b’diliġenza u fil-ħin. Dan jinkludi xogħol mogħti biex isir waqt il-lezzjonijiet, kif ukoll xogħol mogħti għad-dar.
Kull student huwa mistenni li:
- Jżomm rekord tax-xogħol mogħti billi jikteb fid-djarju tal-iskola u jidħol regolarment fuq Teams u MySchool, speċjalment meta l-istudent ikun assenti mill-klassi.
- Jagħmel l-almu tiegħu biex jagħmel xogħol ta’ livell skont kif mitlub u skont l-aħjar tal-abbiltajiet tiegħu.
- Jissottometti x-xogħol mogħti sad-data stipulate mill-għalliema.
- Jistinka biex jitjieb meta jingħata feedback dwar ix-xogħol sottomess.
- Jagħmel l-aħjar użu mill-ħin. Waqt lezzjonijiet, fejn l-għalliema ma jattendux (free lessons) l-istudenti għandhom jagħmlu xogħol akkademiku, bħax-xogħol għad-dar, jaqraw jew jaħdmu fuq proġetti mogħtija, skont kif jingħataw struzzjoni mill-għalliem/a preżenti.
Studenti li jiksbu riżultati adegwati fix-xogħol akkademiku tagħhom jiġu ppremjati b’rapporti pożittivi u b’ċelebrazzjoni tas-suċċess tagħhom.
Studenti li ma jurux sforz biżżejjed (bħal meta jissottomettu xogħol ta’ livell baxx, traskurat jew wara d-data miftiehma) jiġu rrappurtati lill-amministrazzjoni tal-iskola. Jekk ikun meħtieġ, jingħata appoġġ xieraq b’kollaborazzjoni mal-ġenituri/kustodji, il-mentors tal-klassi, l-għalliema tal-guidance u professjonisti esterni jekk is-sitwazzjoni teskala.
3.5 Użu ta’ Apparat Teknoloġiku
Filwaqt li nirrikonoxxu l-importanza u l-utilità tat-teknoloġija fil-proċess tat-tagħlim, użu mhux xieraq ta’ apparat teknoloġiku jista’ jfixkel kemm il-proċess edukattiv kif ukoll il-ħajja tal-komunità. Għalhekk:
- L-użu ta’ apparat mobbli huwa strettament ipprojbit waqt il-ħinijiet tal-iskola. Studenti li jkollhom bżonn iġibu apparat mobbli l-iskola minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom jitfuh u jqegħduh f’post skont kif mitlub mill-amministrazzjoni. Il-ġenituri/kustodji għandhom jitolbu l-permess tal-Viċi Kap rispettiv, mill-inqas ġurnata qabel. Studenti li jġibu l-mowbajl tagħhom mingħajr il-permess tal-Viċi Kap ikollhom l-apparat ikkonfiskat u jingħata lura biss lill-kustodju/i tal-istudent.
- Laptops ipprovduti mill-iskola għandhom jintużaw b’mod responsabbli. Il-linji gwida għall-użu tagħhom huma mniżżla fil-Politika dwar l-Użu tal-Laptop.
3.6 Ħarsien tal-Proprjetà u tal-Ambjent
Il-ħarsien tal-proprjetà tal-iskola huwa responsabbiltà ta’ kulħadd. Kull sena, l-iskola tinvesti fit-tiġdid u fit-tisbiħ sabiex tiżgura li l-ambjent jibqa’ jilqa’ lill-istudenti u jkun tajjeb għat-tagħlim. L-istudenti mhumiex permessi jidħlu fil-klassi mingħajr permess, speċjalment jekk ma jkunx hemm għalliem/a, sakemm ma jingħatawx struzzjoni speċifika minn membru tal-SLT.
L-istudenti huma mistennija li:
- Jużaw il-proprjetà tal-iskola b’mod responsabbli. L-imwejjed u s-siġġijiet għandhom jinżammu nodfa u fl-ordni.
- Jastjenu milli jieklu jew jixorbu fil-laboratorji. Il-konsum tal-ikel mhuwiex permess fil-klassi sakemm ma jingħatax permess mill-għalliem f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
- Jarmu l-iskart fil-bins xierqa.
- Iżommu t-toilets nodfa f’kull ħin b’rispett lejn il-komunità tal-iskola.
- Jużaw smartboards, projectors u monitors biss meta jingħataw struzzjoni mill-edukaturi.
- Jużaw it-tagħmir sportiv b’mod responsabbli u jiħduh lura f’postu fejn ikun merfugħ.
Kull ħsara lill-proprjetà tal-iskola għandha tiġi rrappurtata minnufih. L-istudenti jintalbu jħallsu għall-ħsarat ikkawżati intenzjonalment jew minħabba traskuraġni.
L-istudenti huma responsabbli għall-affarijiet personali tagħhom. Lockers huma pprovduti biex jintrefgħu oġġetti li ma jkunux meħtieġa matul il-jum tal-iskola, u huwa rrakkomandat b’saħħa li oġġetti ta’ valur ma jinġibux l-iskola.
4. Sistema ta’ Immaniġġjar u Rappurtaġġ tal-Imġiba
L-għanijiet ta’ din is-sistema ta’ immaniġġjar tal-imġiba huma li tiżgura konsistenza, trasparenza u ġustizzja. Ir-rapporti huma maħsuba biex jinfurmaw, jappoġġjaw, ifaħħru u jiċċelebraw l-imġiba tal-istudenti, u mhux sempliċement biex jikkastigaw. Għalhekk kemm imġiba pożittiva kif ukoll negattiva tiġi rreġistrata fis-sistema ta’ rappurtaġġ.
Japplikaw il-linji gwida li ġejjin:
- Kull inċident jew kisba għandu/ha jiġi/tiġi rreġistrat/a fi żmien tlett ijiem skolastiċi.
- Ir-rapporti jiddaħħlu permezz tas-sistema online ta’ rappurtaġġ tal-iskola bl-użu ta’ kategoriji u punti standardizzati.
- Il-membri tal-istaff huma mfakkra biex jevitaw trattament preferenzjali u huma mħeġġa jikkollaboraw sabiex tiġi żgurata l-konsistenza.
- Il-ġenituri jiġu nnotifikati awtomatikament meta jiġi rreġistrat rapport pożittiv jew negattiv.
- Il-mentors tal-klassi jsegwu l-istudenti, u joffru gwida u appoġġ pastorali.
4.1 Kif tiġi indirizzata l-imġiba negattiva
- Rapporti negattivi jikkorrispondu għal ksur tar-regolamenti mniżżla f’dawn il-linji gwida.
- Mal-ewwel ksur, tingħata twissija bil-kliem, li tistieden lill-istudent jirrifletti fuq l-azzjonijiet tiegħu u l-konsegwenzi tagħhom.
- Imġiba ripetuta tiġu rreġistrata fis-sistema ta’ rappurtaġġ. Numru speċifiku ta’ punti tal-imġiba jitnaqqas għal kull inċident irrappurtat. Rapporti akkumulati jiġu riveduti regolarment mill-mentors tal-klassi u mit-Tim Amministrattiv tal-Iskola (SLT).
- Meta student jingħata ħames (5) rapporti negattivi, l-SLT jivvaluta l-imġiba u l-attitudni tal-istudent u tista’ titqies waħda jew aktar minn dawn il-konsegwenzi:
- L-istudent ikun meħtieġ jibqa’ l-iskola għal siegħa wara l-ħin tal-iskola. Dan jiġi ripetut għal kull ħames (5) rapporti negattivi addizzjonali.
- Jista’ jiġi kkunsidrat sospensjoni temporanja minn attivitajiet barra mill-klassi (live-ins, ħarġiet, rappreżentanza tal-iskola fl-isport jew f’attivitajiet nazzjonali).
- Il-mentors tal-klassi jaħdmu direttament mal-istudent biex jevalwaw il-bżonnijiet ta’ appoġġ u jistgħu jirreferu l-każ lill-Viċi Kap rispettiv. Fejn ikun meħtieġ, jistgħu jiġu involuti servizzi esterni ta’ appoġġ permezz tat-tim psikosoċjali.
- Jekk l-interventi jonqsu milli jwasslu għal titjib u l-ksur ikompli, jitlaqqa’ bord dixxiplinarju ad hoc. Dan il-bord ikun magħmul minn membru wieħed tal-Bord tad-Diretturi, il-Kap tal-Iskola, il-Viċi Kap responsabbli mis-sena (year group) partikolari, u l-mentor tal-klassi. Il-bord jista’ jiddeċiedi li jissospendi jew jeskludi lill-istudent mill-iskola.
- Il-membri tal-SLT jistgħu jiġu kkuntattjati fi kwalunkwe stadju jekk tkun meħtieġa attenzjoni immedjata.
- L-SLT għandu jiġi infurmat minnufih f’każijiet li jinvolvu:
- Aggressjoni fiżika jew verbali.
- Bullying, inkluż cyberbullying.
- Tħassib dwar safeguarding.
- Serq jew vandaliżmu.
- Diżubbidjenza persistenti.
- Pussess jew użu ta’ oġġetti jew sustanzi pprojbiti.
- Ksur tal-protezzjoni tad-data.
- Nuqqas serju ta’ rispett lejn l-awtorità.
- L-istudenti jistgħu wkoll ikunu meħtieġa jattendu programmi apposta mħejjija mill-professjonisti tal-iskola. Dawn il-programmi għandhom l-għan li jgħinu lill-istudenti jirriflettu fuq l-azzjonijiet tagħhom u jaħdmu biex jilħqu għanijiet miftiehma, fi żmien stabbilit.
4.2 Premju għall-Imġiba Pożittiva
Jistgħu jingħataw punti pożittivi għal:
- Atti ta’ tjieba/ħniena u servizz.
- Rispett lejn l-istaff u lejn sħabhom.
- Meta tittieħed inizjattiva.
- Sforz akkademiku u titjib.
- Imġiba pożittiva konsistenti.
- Kwalunkwe raġuni oħra meqjusa xierqa mill-membri tal-istaff.
Imġiba pożittiva tiġi rreġistrata fis-sistema ta’ rappurtaġġ. Meta jkun xieraq, l-SLT jiġi infurmat sabiex l-isforzi tal-istudenti jiġu rikonoxxuti kif jixraq.
Rapporti pożittivi jakkumulaw matul ix-xhur tal-iskola u jiġu rikonoxxuti kif ġej:
- Ċertifikat tal-Bronż għall-Imġiba.
- Ċertifikat tal-Fidda għall-Imġiba.
- Ċertifikat tad-Deheb għall-Imġiba.
- Ċertifikat tal-Platinu għall-Imġiba.
Fi tmiem kull term, studenti bl-ogħla ammont ta’ punti pożittivi jingħataw rikonoxximent.
Fi tmiem is-sena akkademika, studenti bl-inqas ammont ta’ punti negattivi jiġu mistiedna jieħdu sehem f’attività speċjali organizzata skont is-sena.
5. Komunikazzjoni mal-Ġenituri
Il-ġenituri huma parti integrali mill-komunità tal-iskola u għandhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.
Il-ġenituri huma mistennija jaqraw dawn il-linji gwida b’attenzjoni u jiżguraw li jifhmu l-implikazzjonijiet kollha tagħha. Huma mħeġġa wkoll jiddiskutuha ma’ wliedhom sabiex jiżguraw għarfien tal-aspettattivi u r-regolamenti.
Il-ġenituri jirċievu notifiki awtomatiċi bl-email għal kull rapport pożittiv u negattiv. F’każijiet ta’ ksur serju jew ripetut, il-ġenituri jistgħu jkunu meħtieġa jiltaqgħu ma’ membri tal-SLT sabiex jiġi determinat l-aħjar kors ta’ azzjoni.
6. Reviżjoni u Monitoraġġ
Dawn il-linji gwida jiġu riveduti kull sena mill-SLT b’konsultazzjoni mal-istaff u mar-rappreżentanti tal-istudenti.
Data dwar l-imġiba, inklużi rapporti, premjijiet u sospensjonijiet, tiġi analizzata kull term sabiex jiġu identifikati xejriet u jiġu kkomunikati l-interventi neċessarji.
Żvilupp professjonali kontinwu jappoġġja lill-istaff fi strateġiji ta’ kura pastorali lejn l-imġiba.
This post is also available in: