Il-Viżjoni Tagħna
Bħala istituzzjoni edukattiva, aħna nqisu lilna nfusna bħala parti minn komunità edukattiva usa’ li taħdem kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak Ewropew. Permezz tas-sehem attiv f’inizjattivi edukattivi differenti, ninsabu miftuħin għal ideat ġodda u nsiru nafu x’qegħdin jaħsbu, jippjanaw u jwettqu skejjel u istituzzjonijiet oħra.
L-iskola tagħna temmen fl-inklużjoni u taħdem bis-sħiħ biex dan l-ideal isir realtà. Għalina, l-inklużjoni tfisser li kull student, ikunu xi jkunu l-kapaċitajiet tiegħu, għandu kontribut uniku u konkret x’jagħti lill-komunità tal-iskola. Huwa meta dawn id-differenzi kollha jingħaqdu flimkien li l-iskola tagħna ssir familja sħiħa u magħquda.
Kull ħidma titwettaq b’għarfien tal-limitazzjonijiet tagħna u b’rispett lejn l-ambjent ta’ madwarna. Fl-istess waqt, nemmnu bis-sħiħ li huwa d-dmir tagħna li nagħtu kontribut attiv lis-soċjetà u ngħaddu lill-oħrajn dak li aħna stess irċevejna b’tant gratitudni.
Konxji li qegħdin ngħixu f’dinja fejn il-valuri fundamentali qegħdin kontinwament jiġu sfidati, naħdmu biex niżviluppaw fl-istudenti tagħna sens kritiku u l-ħila li jagħrfu bejn dak li jidher attraenti u dak li tassew għandu valur. Nemmnu li huwa permezz ta’ dixxerniment kritiku li l-bniedem jikseb il-libertà vera u jevita li jsir ilsir ta’ soċjetà materjalista u konsumerista.
Nemmnu wkoll li, biex jirnexxilna nispiraw lill-istudenti jgħixu skont dawn il-valuri, jeħtieġ li naħdmu mill-qrib mal-ġenituri u l-kustodji kollha li fdawlna l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Flimkien, naħdmu lkoll fl-istess direzzjoni hekk kif nimxu magħhom tul il-mixja tal-ħajja.
Ħolqa
S.D.C. (M.U.S.E.U.M.): http://www.sdcmuseum.org/