STUDENT TAGĦNA MAR JILTAQA’ MAL-ĦALLIEQ – Illum waslitilna aħbar li kieku qatt ma xtaqna nisimgħu. Jake Vella, student tagħna, li f’Settembru li ġej kien se jibda l-aħħar sena tal-kors sekondarju, ħalla din id-dinja. Fis-snin li ilu fl-iskola tagħna, minħabba l-kundizzjoni tiegħu, qatt ma seta’ jiġi fiżikament fl-iskola. Tul dawn l-erba’ snin, kull meta kellu s-saħħa kien jidħol għal-lezzjonijiet online. Dejjem kien ikun assistit minn Dr Allison Mintoff Zammit, l-LSE li dejjem iffaċilitat, u assist lilu, u lill-ġenituri tiegħu b’dak kollu li kien jeħtieġ fl-istudju tiegħu. Għax kien determinat li bħall-istudenti l-oħra jagħmel l-eżamijiet tas-SEC, organizzajna laqgħa mal-MATSEC Examination Access Arrangements Board, biex nippreparaw dak kollu li jkun hemm bżonn biex f’Mejju jkun jista’ jagħmel l-eżamijiet bħall-istudenti kollha tamparu.
Żagħżugħ kuraġġuż, determinat li ma ħalla xejn jaqtagħlu qalbu. Mhux li kien iż-żgħażagħ kollha jkunu bħalu!
Il-Bord tad-Diretturi, it-Tim Amministrattiv u l-Istaff kollu tal-Iskola jesprimu l-kondoljanzi sinċiera tagħhom lill-ġenituri ta’ Jake li huma wkoll kellhom jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jakkumpanjawh f’dak kollu li kellu bżonn. Il-fidi biss tista’ ssostnina f’dan il-mument iebes għal kulħadd. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
Dettalji dwar il-funeral tal-għażiż Jake jingħataw iżjed tard kif jaslulna.